|
DUN KARM – WIĊĊ MALTI GĦALL-MUNITA EWROPEA |
|||
Meta nħares lejn it-tnax-il disinn propost min-NECC u d-diskors kollu li smajt ir-rappreżentanti ta’ dan il-kumitat jgħidu, ma nistax ma naħsibx li l-filosofija wara dawn il-proposti kienet li jinstabu xbihat li jirrappreżentaw lil Malta. B’daqshekk m’hemm xejn ħażin. Li jdejjaqni hu li meta qallbu moħħhom dawn in-nies ma ħarġux b’ideat oħra għajr dawk li l-kompilaturi tal-kotba rħas li jixtru t-turisti diġà jagħtu. Il-munita qed titqies biss bħala kartolina. M’għandi xejn kontra li tidher xbiha mill-wirt preistoriku ta’ pajjiżna. U hawn naħseb li n-NECC għamel għażla valida, għalkemm għalija m’hemm xejn li jirrappreżenta l-preistorja tagħna aħjar, u b’mod aktar poetiku, mill-mara l-ħoxna. M’għandi xejn lanqas li jkollna rappreżentazzjoni tar-Rinaxximent f’pajjiżna, imma hawn naħseb li setgħet issir għażla aktar bil-għaqal. L-iskultura tal-Magħmudija ta’ Kristu, minbarra li hija simbolu reliġjuż ovvju ħafna, hija x-xogħol ta’ skultur Taljan ta’ l-epoka Barokka. Jekk ridna ninkludu l-Barokk mar-Rinaxximent, ma stajniex inkludejna xi ħaġa ta’ Melkjor Gafà (li fuq kollox huwa kontemporanju ta’ Giuseppe Mazzuoli, li għamel il-Magħmudija ta’ Kristu)? L-idea tal-Bieb tal-Berġa ta’ Kastilja naħseb li kienet ċajta goffa. Timmaġinaw ir-Repubblika Ċeka tagħżel il-Kastell ta’ Praga għal fuq il-muniti tagħha, jew jekk xi darba r-Renju Unit jagħmel il-munita Ewro, li juża t-Torri ta’ Londra? U nispera li mhux qed jimmaġinaw li jkollna munita b’Forti Sant’Anġlu u oħra bil-fortifikazzjonijiet tal-Belt! X’varjetà!
Madankollu, naħseb li l-aktar li batew in-numismatiċi tan-NECC kien meta ġew biex isibu xbihat biex jirrappreżentaw l-identità Maltija. L-ewwel għażla kienet il-Monument ta’ l-Assedju li għandu suġġett militari ovvju (wieħed minn tliet suġġetti b’tema militari, jekk teskludi l-kanuni ta’ Kastilja). Għandna għalfejn noqogħdu ninsistu li darba l-Maltin ħaduha kontra l-Misilmin u rebħu? Fuq l-Arma ta’ Malta ngħid biss li fi żmieni niftakar għallinqas tliet armi differenti ta’ Malta. Ix-xbiha ta’ Caruana Dingli ma tantx tispirani, imma din hija opinjoni purament personali.
Jidhirli li biex nidentifikaw lilna nfusna bħala Maltin għandna bżonn nagħtu indikazzjoni li aħna poplu ħaj, li ħloqna kultura tagħna, li bit-tajjeb u l-ħażin tagħha għenitna nikbru bħala poplu. Dun Karm huwa żgur l-aktar figura kulturali li l-Maltin jagħrfu. Nistgħu nargumentaw li kellna kittieba aħjar minnu, jew li artisti f’oqsma oħra tal-kultura ħolqu xogħol li jispikka aktar, imma żgur li għall-Maltin Dun Karm huwa dak li l-aktar jafu. Mhux kulħadd qara lil Ġwann Mamo jew ra d-drammi ta’ Francis Ebejer, imma kulħadd sema’ l-Innu Malti.
Li jogħġobni fl-idea li jkollna lil Dun Karm fuq il-muniti huwa li għall-Maltin ifisser ħafna affarijiet differenti. Għal uħud huwa l-uniku poeta li jiftakru mill-iskola, lil oħrajn ifakkarhom fit-tim nazzjonali tal-futbol. Hemm min jarah bħala l-Malti li ddeskriva bl-aktar mod pjaċevoli l-battalji tal-Maltin, u min jarah bħala dak li kiteb l-Innu ta’ Filgħaxija, forsi l-isbaħ talba popolari li qatt ipproduċa dan il-poplu. Jien nippreferi narah bħala qassis imqareb li meta ma kienx ikun qed jaħseb dwar Alla kien ikun qed jaħseb fuq in-nisa, u kien jara kollox forma ta’ mara, minn dgħajsa sa mitħna.
Mhux bilfors li jogħġbok kull ma kiteb Dun Karm. Jien, per eżempju, ma niflaħx id-diskors tiegħu dwar il-Misilmin u t-Torok. Hemm oħrajn li jattakkaw il-viżjoni tiegħu ta’ Malta bħala nazzjon essenzjalment rurali. Ma naħsibx li jimporta wisq. L-importanti hu li naqblu li Dun Karm huwa l-aktar figura prominenti tal-kultura tagħna, u li hemm affarijiet fih li jogħġbuna. Wara kollox, ma naħsibx li t-Taljani b’mod ġenerali jaqblu wisq mal-viżjonijiet politiċi jew reliġjużi ta’ Dante, imma xorta għażluh għal fuq il-muniti tagħhom f’eżerċizzju psewdo-demokratiku simili għal tagħna.
Jekk nipproponu lil Dun Karm għal fuq il-muniti l-ġodda nkunu qed nagħtu sinjal li l-Malta li nixtiequ rrappreżentata hija Malta tan-nies li jgħixu u għexu hawn, li jaħsbu, jkantaw, jiktbu u l-bqija, u mhux biss il-Maltin li għaddew eluf ta’ snin taħt ħakkiema barranin, u donnu kull sforz tagħhom kien biex jagħmlu l-ħajja ta’ dawn il-barranin aktar faċli jew sabiħa.
F’dan is-sens ma naħsibx li Dun Karm huwa figura kontroversjali wisq biex ikun fuq il-muniti tagħna. U jekk hu, tant li jwassalna biex bħala poplu niddiskutu l-viżjoni li permezz tal-kitba tiegħu fittex li jittrasmetti, tant l-aħjar. Dejjem aħjar mill-kanuni ta’ Kastilja ppuntati lejna.
Għalhekk li nixtieq mingħandek huwa li tieħu sehem fil-kompetizzjoni tan-NECC billi tibgħat messaġġ fuq in-numru 5061 1000 bil-kitba “L-Identita Maltija – Dun Karm.” |
|
||