|
Lubien ta' Trevor Żahra "Mistoħbija fuq l-Għatba" ta' Mario Cassar l "In-Novelli ta’ Trevor Żahra" ta' Oliver Friggieri |
|
|
Lubien fil-Kavallier ta' San Ġakbu Il-Belt Valletta, 15, 16, 17 ta' Marzu, 2005
Billi dan il-ktieb huwa wieħed mit-testi fis-sillabu tal-Malti fil-Livell Avvanzat, se jsiru wkoll rappreżentazzjonijiet esklussivament għall-istudenti.
Lubien, rebbieħ tal-Midalja tal-fidda fil-Premju Letterarju 1997, jiġbor fih għażla ta' novelli li skond il-kritiku letterarju Mario Cassar, jistħarrġu "il-Misterjuż, il-Fantastiku u l-Meraviljuż."
Is-sehem ta' Trevor Żahra fil-letteratura Maltija hu magħruf u apprezzat minn kulħadd tant li ngħata wkoll għarfien uffiċjali b'"Ġieħ ir-Repubblika." Għalkemm hu assoċjat ħafna ma' kitba għat-tfal, hu kiteb ukoll għadd ta' novelli, rumanzi, u poeżija għal udjenza aktar matura.
Skond Oliver Friggieri, f'Lubien "Trevor Żahra jinħass fl-aqwa tiegħu mill-ġdid, b'kitba konsistenti f'dik li hi stilistika, qawwija u maħsuba f'dik li hi teknika narrattiva, ċerta minnha nnifisha f'dik li hi konċezzjoni ta' kollox.... Għal Żahra, kull storja hi għamla ta' esperjenza ġdida li fiha jista' jdaħħal il-motivi insistenti tat-tematika tiegħu: ir-relazzjoni ċerta daqskemm ambigwa ta' l-individwi, it-tfittxija ta' l-identità, ir-rabta intima ma' l-ambjent, il-ħtieġa ta' l-espressjoni personali, l-għarfien tal-kuntest storiku-kulturali partikulari, il-ħerqa biex jingħarfu ċerti valuri fundamentali, u fuq kollox ix-xewqa li kull esperjenza tingħaraf fl-awtentiċità tagħha." |
|
Xogħlijiet letterarji ta’ Trevor Żahra jieħdu ħajja oħra
“Lubien” tfisser “mniegħes” jew “imtaqqal bin-ngħas;” min hu lubien qiegħed sewwasew fi stat ambigwu, bejn rieqed u mqajjem, fuq il-fruntiera bejn il-konxju u l-inkoxju, bejn is-sensibbiltà u l-ħolm, u allura bejn ir-realtà u l-fantasija. Il-fantastiku hu għalhekk għodda siewja f’idejn Żahra biex itella’ fil-wiċċ dawk l-istinti u x-xewqat ripressi fina. Xi wħud minn dawn ix-xogħlijiet, fil-fatt, jistgħu jitqiesu bħala kummentarji disturbanti fuq il-personalità oskura li hemm fil-bniedem.
In-novelli jvarjaw minn stejjer misterjużi (li fihom il-fenomenu apparentament sopranaturali jingħata spjegazzjoni razzjonali jew xjentifika), għal rakkonti meraviljużi (li fihom il-fenomenu sopranaturali jiġi aċċettat bħala estensjoni tar-realtà magħrufa), għal ġrajjiet fantastiċi (li fihom tibqa’ tirrenja sa l-aħħar l-ambigwità bejn spjegazzjoni naturali u spjegazzjoni sopranaturali).
L-element fantastiku ta’ Żahra jista’ jidher aktar realistiku għax l-ambjentazzjoni tar-rakkonti tiegħu hu sewwasew id-dar jew imkejjen familjari f’raħal tipiku Malti u mhux f’xi bosk waħxi jew kastell abbandunat bħal dawk tar-rumanzi gotiċi. Il-faxxinu ta’ dawn in-novelli mhuwiex iddeterminat mill-elementi tal-plot daqskemm mill-attitudni lejn il-plot. Il-fantasija ta’ Żahra hi interessata li tfittex l-anormalità f’nofs in-normalità, id-diżordni f’nofs l-ordni, u jxettel l-ambivalenza f’nofs iċ-ċertezza. |
|