|
Dawn huma noti fuq il-poeżiji romantiċi fil-ktieb Il-Poeżija Maltija, miġburin minn kull poeta li hemm fis-sillabu tal-livell Avvanzat u l-Livell Intermedju. Dawn m'humiex xi studji profondi, imma sempliċiment ħarsa lejn il-poeżiji li hemm fis-sillabu.
Is-Sur David Calleja April 2003
§ Dun Karm – Identità Personali § Dun Karm – Identità Nazzjonali
Dun Karm - Identità Personali
Permezz tal-kitbiet tiegħu, il-poeta romantiku fittex l-identità singolari, jew personali, tiegħu.
Dun Karm Psaila ispira ruħu minn esperjenzi li għadda minnhom f’ħajtu (sbieħ u koroh), minn sentimenti li jħoss lejn ħaddieħor (ngħidu aħna, imħabba lejn ommu) kif ukoll mill-kriżijiet li ltaqa’ magħhom fil-ħajja (solitudni). Meta poeta jesprimi dawn il-ħsus, joħroġ il-karattru tiegħu, jiġifieri l-identità personali tiegħu.
Huwa ma jitlef l-ebda okkażjoni biex ifisser l-imħabba straordinarja li kellu lejn ommu. Għalih hija kienet tfisser kollox. F’Univers Ieħor, meta t-tarbija tħares lejn il-wiċċ t’ommha, hija tara l-univers kollu. Dik it-tarbija hija l-poeta nnifsu, li ommu kienet tfisser kollox għalih. Huwa kien ifittex lil ommu għall-pariri tagħha sakemm kienet għadha ħajjaġ imma meta sab ruħu fi kriżi ta’ solitudni u xtaq li qiegħda hemm biex tgħinu, irrealizza li kienet mejta:
“U min b’imħabbtu safja seta’ jsabbarni, intemm qabli ġo qabar.”
(Lill-Kanarin Tiegħi)
Lil ommu tant kien iħobbha li meta mietet, ħalliet vojt kbir fil-ħajja tiegħu (Inti ma Terġax).
Meta Dun Karm jiftakar fi tfulitu, dejjem għandu memorji sbieħ. F’Waħdi jiftakar fl-ambjent kampanjol li trabba fih, fit-tfal ħbieb li kellu, fil-familja, speċjalment f’ommu. F’daqqa waħda huwa jerġa’ lura mill-memorja tal-passat għall-preżent, fejn kollox huwa ikrah. Tant hu hekk li malli jiftakar li ommu hija mejta, hu jħossu solitarjuĠ
“Sibtni waħdi fuq xifer il-blat.”
(Waħdi)
Il-kriżi ta’ solitudni kienet kriżi li, ladarba daħlet fih, ma seta’ jeħles minnha bl-ebda mod. Kontinwament fil-poeżija ta’ Dun Karm niltaqgħu mal-kelma “waħdi” li inkonxjament tirrifletti s-solitudni li kien qed iġarrab. Dan ġara wara li fl-1909 mietet ommu, u fl-1910 tkeċċa mis-seminarju; wara dawn iż-żewġ diżgrazzji, mar jgħix waħdu f’appartament ċkejken il-Belt, u hemm qabditu din il-kriżi ta’ solitudni. Huwa kellu bħala kumpanija daqsxejn ta’ għasfur ċkejken (Lill-Kanarin Tiegħi).
Dun Karm ukoll isemmi xi esperjenzi li għadda minnhom f’ħajtu, fil-poeżija Il-Ġerrejja u Jien. Huwa jgħid li kien għadu tifel meta ħass li kellu l-vokazzjoni biex isir qassis (“Taħt fewġa bikrija ħaddru t-tamiet fil-ġonna ta’ żgħożiti”); ftit wara l-mewt ta’ missieru, sentejn biss qabel ma ħa l-quddiesa, qabdu bħal ‘break down’ li kien kważi qatlu (“darbtejn rajt il-mewt b’daħka waħxija ssejjaħli taħt l-ilma”). Fl-aħħar tal-vjaġġ tal-ħajja li jagħmel, imqabbel mal-vjaġġ tad-dgħajsa, huwa jħossu li dalwaqt jidlam u “jkun sultan is-skiet” - referenza ċara għall-preokkupazzjoni li dejjem kellu li l-mewt m’hijiex ‘il bogħod.
L-aħħar u mhux l-inqas, Dun Karm ukoll juri t-tħassib li kien ikollu meta kien għadu tifel għal missieru baħħar, kemm fil-poeżija Żagħżugħ ta’ Dejjem (“Jaqbadni l-biża’ narak taqbad l-iġfien u tilgħab bihom, bla xejn ma taħseb, kiefer, fid-dmugħ ta’ l-imsejknin li hemm ġo fihom”) u Kewkbet is-Safar (“Int erġa’ wasslu d-dar, kewkba ħanina.”)
Dun Karm - Identità Nazzjonali
Dun Karm huwa l-Poeta Nazzjonali Malti, u dan għal diversi raġunijiet, imma forsi l-aktar għaliex ħadd daqsu ma rnexxielu jesprimi daqshekk tajjeb permezz tal-poeżija r-ruħ, l-identità, tal-poplu Malti. Huwa jfaħħar lill-Patrija għall-valuri pożittivi kollha li fiha.
Element importanti u rikorrenti tal-poeżija romantika huwa li, fil-ħarsa li jagħti lejn l-istorja glorjuża ta’ Malta, il-poeta dejjem jiddeskrivi lill-Maltin bħala t-tajbin u l-kuraġġużi fil-waqt li l-għadu huwa dejjem il-ħażin u l-kattiv.
“Xi swew l-iġsma ta’ dawk il-qalbenija li l-mislem ħajjen sammar fuq għuwied…”
(L-Għanja tar-Rebħa)
“U ħsiebi jerġa’ lura lejn il-ġrajja ta’ min għalina kien bil-bosta ħati…”
(Wied Qirda)
L-argument ikompli li, ladarba aħna t-tajbin u l-għadu huwa l-ħażin, Alla jgħin lilna, u bis-saħħa ta’ Alla nirbħu żgur:
“Iżda ġo sidrek qatt ma birdet l-emmna li Alla l-qawwi tiegħek kien ħabib”
(L-Għanja tar-Rebħa)
U ta’ dan, il-Maltin kienu rikonoxxenti, u jirringrazzjaw lil Alla meta jirbħu l-Assedju:
“Ħarġet bħal ragħda minn ġo qalbek l-għajta tar-rebħa u ħarstek lejn is-sema ġriet.”
(L-Għanja tar-Rebħa)
Matul l-istorja, Malta ipproduċiet eroj li mhux biss iġġieldu u ħadmu għal pajjiżhom (Malta), imma saħansitra ċarċru demmhom għal art twelidhom. Hemm eroj kollettiv (il-poplu Malti, ngħidu aħna f’L-Għanja tar-Rebħa), u l-eroj individwali (ngħidu aħna Mikiel Anton Vassalli fil-poeżija ta’ l-istess isem). Lil dawn l-eroj, Dun Karm jagħtihom it-tifħir mistħoqq għax iridhom iservu ta’ eżempju għalina. Mikiel Anton Vassalli huwa “Malti safi tassew…” (Lil Mikiel Anton Vassalli) li ħadem bis-sħiħ għall-avvanz ta’ l-ilsien Malti kif ukoll għall-progress politiku ta’ Malta. Fil-fatt kien Vassalli l-ewwel bniedem fl-istorja li wera x-xewqa li Malta għad issir indipendenti:
“u kont ewlieni fost in-nisel tagħna li ħsibt il-jedd li nkunu ġens għalina.”
(Lil Mikiel Anton Vassalli)
L-ilsien Malti huwa element ewlieni fit-tiftix ta’ l-identità tagħna bħala nazzjon. Għalhekk Dun Karm jibda L-Għanja tar-Rebħa bil-versi “Iżda f’ilsienek ngħannihielek l-għanja li ġewwa qalbi jien sawwart għalik,” u jfaħħar lil M. A. Vassalli talli ħadem favur it-tagħlim tal-lingwa Maltija:
“mhux għax għallimtna l-ġmiel, is-saħħa, il-għana tal-lsien li tkellmu bih ommok u ommi…”
(Lil Mikiel Anton Vassalli)
L-aħħar u mhux l-inqas irridu ngħidu li Dun Karm tant iħobbha lil Malta li jsejħilha “omm” (Lil Malta). Għalih Malta hija l-omm nazzjonali tagħna lkoll
“Għax int biss ommi, int tajtni l-isem.”
Rużar Briffa
Rużar Briffa kien bniedem introvert, ta’ ftit kliem u sieket. Kien bniedem sensittiv ħafna u jemozzjona ruħu malajr meta jara lil ħaddieħor ibati. Il-professjoni tiegħu - kien speċjalista tal-mard tal-ġilda - ma tantx għenitu f’dan il-kuntest għaliex kien jikkura nies morda b’mard li m’hemmx fejqan għalih, u hu kien iħoss ħafna għalihom. Dan il-fatt żiedlu l-malinkonija f’ħajtu, għax kontinwament is-sofferenzi ta’ ħaddieħor kien iħosshom hu!
Il-mard jidher spiss fil-poeżiji tiegħu. Huwa jidentifika ruħu ma’ raġel marid bil-ġdim, u jħoss it-toqol tal-marda minfloku (L-Għanja ta’ l-Imnikket). Anki Maestro Clemente de Monte Real ra l-karriera tiegħu fit-Teatru Rjal tispiċċa fix-xejn riżultat tal-mard:
“Marradi min qiegħed idoqqu, bla ħlewwa l-asmatku vjolin!”
(Vjolin Marid)
Briffa ukoll marad b’kanċer fil-larinġi u kien jaf li ma kellux tama ta’ fejqan. Għalhekk jipprevedi l-mewt u l-funeral tiegħu f’Ballatella tal-Funtana, l-aħħar poeżija li kiteb qabel ma miet.
Spiss, Briffa jesprimi solitudni kbira fil-poeżiji tiegħu, u dan kien riżultat ta’ l-istess introverżjoni fil-karattru tiegħu. Briffa kien iħobb iqatta’ ħafna ħin waħdu - meta x-xogħol kien jippermettilu - f’xi ġnien bħall-Barakka ta’ Fuq fil-Belt jew l-Argotti fil-Furjana. Bosta mill-poeżiji tiegħu huma ambjentati f’postijiet imwarrba bħal għoljiet, xagħra u l-bqija.
Is-solitudni hija dejjem murija b’kuntrast bejn il-wieħed u l-ħafna. Briffa jissimpatizza mal-bniedem emarġinat (L-Għanja ta’ l-Imnikket, Wieħed Biss, Il-Kotra u Jien, Quo Vadis):
“Weħedha fuq l-għolja ġeblija imbiegħda mill-bqija ta’ ħutha fil-qalb ħadranija tal-wied, ix-xwejħa ħarruba….”
(Quo Vadis).
Briffa hawnhekk juri li ħajtu kienet diffiċli waqt li l-ħajja ta’ l-oħrajn kienet aktar komda u faċli.
Il-lirika ta’ Briffa tesprimi ukoll diżappunt u malinkonija minħabba l-qerq tal-ħajja (Tfajla Toħlomx, Kenn l-Imħabba).
“Tfajla toħlomx, għaliex il-ħolm tal-ħajja bil-wisq iqarraq u malajr jintemm: jurik li kollox għad ikunlek hieni, bla ma jħabbarlek kemm hu kbir il-hemm.”
(Tfajla Toħlomx)
Il-ħajja żżid id-dwejjaq minħabba t-telqa u l-monotonija tagħha (Nofs in-Nhar Sajfi). Is-soluzzjoni kontra l-qerq u n-niket tal-ħajja hija l-imħabba:
“u mdejqa tnin bix-xewqa ta’ l-imħabba.”
(Nofs in-Nhar Sajfi)
Briffa huwa ukoll imnikket meta jara l-ħajja mgħaġġla u l-materjaliżmu li jħalli lin-nies mingħajr mistrieħ (Quo Vadis).
Iżda Briffa sab ukoll x’jinkwetah fir-relazzjoni ta’ mħabba li kellu ma’ “Dorina” (Għanja), għalkemm f’din il-poeżija jesprimi ottimiżmu illi l-imħabba tegħleb kull ostaklu.
“Tibża’ xejn. La jisbaħ għada ġuf il-ġnien jitqal bil-ward.”
(Għanja)
L-imħabba hija soluzzjoni għall-problemi tal-ħajja. Imma Briffa għandu soluzzjoni oħra: ħarba lejn il-passat (eskejpiżmu). Huwa jixtieq jerġa’ lura lejn it-tfulija għax f’dan il-vjaġġ lura lejn il-ġuf ikun jista’ jsib il-protezzjoni ta’ l-omm.
“Benninni ħa norqod, benninni bil-ħlewwa, kull diqa nessini, nessini kull dnewwa.”
(Lil Ommi)
Il-poeżija ta’ Briffa hija djarju intimu ta’ bniedem sensittiv. Hija lirika li tesprimi niket kbir, u għalhekk f’Rużar Briffa joħroġ ċertu element ta’ pessimiżmu.
Il-poeta Għawdxi Ġorġ Pisani huwa mnebbaħ minn żewġ għejun ewlenin: il-preistorja u ż-żgħożija. Ta’ l-ewwel tagħtih l-opportunità li jmur fil-bidu nett ta’ l-istorja ta’ pajjiżna biex ifittex l-għeruq ta’ l-identità nazzjonali tagħna. Tat-tieni tgħinu jesprimi l-fiduċja kbira li kellu fiż-żgħażagħ.
Huwa jimmaġina lil Għar Dalam jirrakkonta l-ġrajja ta’ kif Malta, minn quċċata ta’ muntanja, saret gżira:
“jien naf bidu din l-art u n-nisel tagħkom”
(Għar Dalam)
B’sens qawwi ta’ patrijottiżmu jgħid li, għalkemm ċkienet fid-daqs, baqgħet kbira fl-istatura, u baqgħet sabiħa. Fiż-żmien preistoriku, il-poplu Malti kien mimli bil-fidi, u jmur fit-tempji kemm ta’ Ħaġar Qim kif ukoll tal-Ġgantija biex jitlob l-għajnuna ta’ l-allat fil-bżonnijiet varji li kellu.
“Tinżel fuq artna ta’ l-allat kull barka, tilħaq lill-għadu, illi ġej jirkibha, il-mewt u l-għarqa.”
(F’Ħaġar Qim)
“Għall-qerda ta’ dal-ġuħ li qed jifnina l-allat iridu fis, sabiex jaħfrulna, tfajla li tmut għalina.”
(Il-Ġgantija t’Għawdex)
Hekk, fl-ewwel poeżija talbu għax ġej l-għadu jattakka lil Malta, fil-waqt li fit-tieni waħda għax qegħdin imutu bil-ġuħ. F’Il-Ġgantija t’Għawdex niltaqgħu ukoll ma’ eroina li tmut għal pajjiżha. Il-passat isir preżent.
Ġorġ Pisani jersaq ukoll, storikament, aktar viċin lejn żmenijietna. Id-dispjaċir tiegħu huwa li Kemmuna tul is-snin ta’ l-istorja qatt ma kellha poplu li tista’ ssejjaħlu tagħha (Kemmuna). Minħabba li l-ilsien Malti huwa element ewlieni fl-identità nazzjonali tagħna, narawh jifraħ illi l-Kwistjoni tal-Lingwa ġiet solvuta, u ta’ dan jirringrazzja lil Mikiel Anton Vassalli fil-poeżija ta’ l-istess isem. Anzi jħares ‘il quddiem u jbassar li Malta ma ddumx ma ssir indipendenti
“Dalwaqt jisbaħ jum ġdid, jum kollu dija, u sseħħ, missier, il-ħolma tiegħek kbira: Malta fil-Lsien u l-Qalb, Malta Maltija.”
(Lil Mikiel Anton Vassalli)
Permezz ta’ l-indipendenza nkunu ksibna l-vera identità tagħna.
Ta’ poeta romantiku li hu, Pisani huwa mnebbaħ minn esperjenzi li għadda minnhom f’ħajtu biex b’hekk jikxef l-identità personali tiegħu. Miż-żmien li qatta’ bħala novizz mal-patrijiet Kabuċċini huwa kiteb Fuq il-Bir tal-Kunvent. Ta’ żagħżugħ li kien, għadda minn esperjenza ta’ mħabba li fallietlu (Għanja Moħbija). L-imħabba għalih hija dejjem safja, mingħajr sesswalità:
“flimkien, jaħasra, doqna l-imħabba kemm hi sbejħa.”
(Għanja Moħbija)
Ma jonqosx illi f’żgħożitu esperimenta bil-ħajja (imħabba, divertiment u l-bqija) sakemm sab dak li l-aktar jgħodd għalih:
“U llum li ġewwa qalbi Íġrrabt mill-ġdid dis-sħana, erġajt għall-poeżija, erġajt għat-triq tal-għana.”
(Triqat Mitlufa)
Il-poeżija hija importanti ferm fil-ħajja tiegħu.
Ġorġ Pisani jidher li kien jifhem tajjeb il-psikoloġija taż-żgħażagħ. Żagħżugħ jisma’ l-pariri ta’ ħaddieħor, imma l-ewwel irid jgħaddi mill-esperjenzi tal-ħajja sakemm jasal biex jagħżel, forsi mill-iżbalji tiegħu stess (Triqat Mitlufa). Meta żagħżugħ iħobb sinċerament, ma jinsa qatt l-imħabba li kellu, anki jekk ħaddieħor
“seraq l-imħabba tiegħi u sar hu biss maħbub.”
(Triqat Mitlufa)
Il-fiduċja li kellu fiż-żgħażagħ toħroġ l-aktar fil-poeżiji ta’ l-istorja. Jixtieq li ż-żgħażagħ jinteressaw ruħhom fl-istorja ta’ pajjiżna: “niġru ‘l hemmhekk, niġru ‘l hemmhekk ja żgħażagħ” (Għar Dalam). Jekk Kemmuna trid xi darba jkollha l-ħajja, din trid tiġi permezz taż-żgħażagħ:
“int trid seh’m ċkejken minn tan-nisel tagħna, xbejbiet u żgħażagħ li jbiddlulek qalbek f’ħajja ferħana.”
(Kemmuna)
Anton ButtiGieG
Anton Buttigieg huwa wieħed mill-ftit poeti Maltin li l-aktar infirex fuq oqsma (tipi) differenti ta’ poeżija. Kiteb eleġiji, ballati, ħajku (poeżija fuq stil Ġappuniż), poeżiji satiriċi, epigrammi, u l-bqija. L-element li jgħaqqad lil dawn il-poeżiji flimkien hija n-natura, għax in-natura nsibuha mifruxa f’kull ispirazzjoni tiegħu.
Huwa ispirat mill-aktar elementi ċkejknin tan-natura, li jidhru insinifikanti, imma għalih għandhom importanza kbira: għasafar (melvizz u melvizza, Il-Mewt tas-Sieħba), farfett (Bħall-Farfett), Lilia Agri, ħuta żgħira (Il-Ħuta), u l-bqija. Buttigieg jipprotesta kontra l-bniedem li, bil-prepotenza tiegħu, iġiegħel lin-natura tbati (Il-Ħuta).
Anton Buttigieg m’huwiex poeta-pittur, ma jħarisx lejn in-natura minn barra u jiddeskriviha biss. Anzi n-natura hija parti minnu, u permezz tagħha jesprimi s-sentimenti li jkun qed iħoss, kemm jekk huma sentimenti ta’ kriżi kif ukoll jekk huma sentimenti ta’ hena fl-eżistenza tiegħu. In-natura tirrifletti l-qagħda psikoloġika li jinsab fiha. Meta, fl-eleġiji, jrid ifisser in-niket tiegħu wara l-mewt ta’ martu, jara għammiel li hu mifrud mill-għammiela li hi magħluqa f’gaġġa:
“U meta fit-tixniq ta’ mħabba kbira hu resaq lejn il-qafas biex jistabar, il-qasab żammu ‘l bgħid minn wiċċ ħanintu, sew sew kif lili jżomm l-irħam tal-qabar.”
(Il-Bejta)
Mill-banda l-oħra, meta l-imħabba qiegħda timlieh bil-ferħ, din l-imħabba jixtieq igawdiha ġewwa wied fejn ir-rebbiegħa hija dejjiema (Bomblu Għana).
In-natura jużaha ukoll biex jirrifletti fuq it-tbatija tal-bniedem fil-ħajja (Il-Bagħal tas-Sienja).
Anton Buttigieg huwa ukoll romantiku fil-mod kif jittratta l-eleġiji tiegħu, li huma fost l-aktar poeżiji mnebbħin tiegħu. Huwa tilef lill-ewwel mara tiegħu wara erba’ snin żwieġ; ħallietlu tlett itfal għadhom qed jitrabbew. Tul il-poeżiji kollha l-ewwel jenfasizza kemm kienu ferħanin fil-ħajja miżżewġa tagħhom irabbu lit-tfal, imma mbagħad jinħassu n-niket u s-solitudni li ħakmuh, kif ukoll is-sens ta’ vojt li baqa’ f’ħajtu. Ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel bih innifsu.
“U qagħad jiġġerra ‘l hawn u ‘l hemm waħdieni, u serħ u kwiet ma seta’ jsib imkien.”
(Il-Bejta)
Il-firda tal-mewt hija kiefra, u l-poeta baqa’ “jgħanni waħdu l-għanja tat-tiċħid” (Il-Għasfur fil-Gaġġa).
Skond il-filosofija Griega, in-natura hija divina. Hekk jaraha Buttigieg, bħalma jagħmel Ġorġ Zammit. Għalih kull m’hemm fin-natura huwa sabiħ għax huwa Il-Ħolma t’Alla. Il-“lilly of the valley” hija fjura li tikber fil-ħitan tas-sejjieħ, imma anki din għandha s-sabiħ tagħha għax
“Alla stess, meta kien miexi ġol-għalqa u ra lill-ward, waqaf u tgħaxxaq.”
(Lilia Agri)
In-natura, rappreżentata minn fjura, tgħatti l-kruha u d-dnub tal-bniedem (Lill-Kampanella).
Il-poeżija tagħti saħħa ġdida lill-poeta (Il-Kebbies tal-Fanali, fejn insibu ukoll element ta’ folklor), u jipprova kemm jipprova jfittex ispirazzjoni band’oħra, fl-aħħar mill-aħħar jerġa’ lura għaliha għall-ispirazzjoni:
“Għanjieti bħall-farfett kull tant titbiegħed mill-ward u ż-żahar biex issib lant ieħorġ ‘mma l-fejda ma ssibhiex, u terġa’ lura għal ġewwa l-ġonna.”
(Bħall-Farfett)
In-natura huwa konxju tagħha kontinwament: jekk ma jistax jaraha għax id-dlam, ixommha jew jismagħha (Fid-Dlam tal-Lejl).
Karmenu Vassallo
Dak li jikkaratterizza lill-poeżija ta’ Karmenu Vassallo hija l-frażi “irrid u ma nistax” (Marzu, Vanġelu Ieħor, Il-Biża’ Tiegħi). Din iġġib idea ta’ frustrazzjoni.
Fil-poeżiji jesprimi niket kbir u kontinwu minħabba esperjenzi li għadda minnhom fil-ħajja. Il-poeta li l-aktar ispirah kien il-poeta Taljan Giacomo Leopardi, wieħed mill-aqwa esponenti tar-romantiċiżmu Ewropew. Vassallo huwa pessimist għall-aħħar.
L-esperjenzi li għadda minnhom fil-ħajja kienu qarsin ħafna. Meta kellu seba’ snin mietet ommu. Missieru reġa’ żżewweġ u bagħtu għand in-nanna biex trabbih flimkien maz-zija. Interpretaha illi missieru abbandunah. F’żgħożitu daħal jistudja għal patri, imma wara ftit marritlu l-vokazzjoni. Meta kiber ftit ieħor, iżżewweġ u f’dik l-istess sena mietet iz-zija li kienet rabbietu. Kellu sebat itfal, u mitulu tlieta minnhom meta kienu għadhom żgħar. Dawn, u affarijiet oħra, wasslu lil Vassallo - poeta sensittiv għall-aħħar - biex jokrob bl-uġigħ għax tul ħajtu sar “bniedem magħfus b’tagħbija slaleb” (Tifkiriet ta’ Tfuliti). Jgħid ukoll li “Fija sabiħ u bnin ma baqa’ xejn!” (Tifkiriet ta’ Tfuliti).
Fi tfulitu kien tifel kuntent. Għalkemm kien solitarju, għax tifel uniku, kien kuntent. Il-fantasija tiegħu kienet tgħinu jegħleb is-solitudni ta’ tfulitu.
“Tfuliti kienet ġenna: u ma kontx naf!”
(Tifkiriet ta’ Tfuliti)
Huwa joħloq kuntrast bejn il-passat sabiħ u l-preżent ikrah, li joħroġ b’aktar qawwa meta bħala sfond jiddeskrivi wied li llum huwa mitluq u ikrah, filwaqt li fl-imgħoddi kien mimli ħajja.
“Bħal dak il-wied ifawwar bl-ilma, qalbna b’benna tal-ġenna kienet tfur sax-xfar.”
(Il-Wied taż-Żebbuġi)
Imma l-ħajja ma baqgħetx li kienet. Iz-zija Rożanna, li rabbietu wara l-mewt ta’ ommu, u li kienet “ommi u missieri fl-istess ħin” (Bla Dawl), għamiet. Vassallo, ta’ poeta li kien, kien lest jagħtiha għajnejh u anki jmut magħha. Barra minn dan, mietlu ibnu ta’ età żgħira wara li kien mela d-dar bil-ferħ.
“Mhux hekk Joey ta’ qalbi. Ibni, ħelu u ferrieħ, marid, muġugħ, intemmli ħesrem.”
(Il-Pupu)
Kiber sewwa fl-età, u għamel żmien marid serjament. Ħaseb li se jmut (Marzu).
Il-kobor ta’ Karmenu Vassallo bħala poeta jinsab fil-fatt li wessa’ n-niket tiegħu fuq l-umanità sħiħa. Mit-tiġrib intimu u personali għadda għall-viżjoni ta’ l-umanità kollha. Hekk huwa universalizza n-niket u l-pessimiżmu f’wieħed kożmiku.
Meta Karmenu Vassallo ħabbat wiċċu ma’ dawn il-gwaj kollha tal-ħajja, ħarġet minnu karba ta’ “irrid u ma nistax inkun bħall-bqija tal-ħlejjaq fuq din l-art” (Marzu). Ma jistax isib ferħ. Għalhekk spiss toħroġ minn qalbu x-xewqa tal-mewt:
“Marzu ta’ qalbi, jekk kont darba ħanin meta wellidtni, kun mitt darba ħanin issa w iġborni.”
(Marzu)
Anzi jasal biex jgħid li aħjar qatt ma twieled! U jisħet twelidu!
“X’jedd kellhom missieri u ommi li jġibuni fl-art?
(Jien)
“xtaqtni qatt ma sirt.”
(Il-Biża’ Tiegħi)
“Saħta t-twelid għal min hu bħali!”
(Vanġelu Ieħor)
Karmenu Vassallo tilef il-fiduċja tiegħu fil-bniedem. Fost l-għeġubijiet li jara madwaru fil-ħolqien, kollox “jgħaġġibni” (Mysterium Mysteriorum). Li ma jistax jifhem huwa kif il-bniedem, bl-intelliġenza kollha tiegħu, jintilef fil-qerq u l-materjaliżmu (Mysterium Mysteriorum). Il-ħbieb tiegħu għażilhomlu Alla, u hu jħossu jsir ħaġa waħda magħhom: dawn il-ħbieb huma l-elementi tal-ħolqien, imma mhux il-bniedem.
“ħbiebi kull ma ħlaqt int barra l-bnedmin!”
(Ħbiebi)
Il-poeżija ta’ Vassallo tlaqqa’ l-ikrah mas-sabiħ. Fit-tbatija (li hija l-għerq ta’ l-ispirazzjoni tiegħu) isib il-faraġ mhux biss permezz tal-kitba tal-poeżija (Tifkiriet ta’ Tfuliti) imma ukoll permezz ta’ fidi kbira fir-rieda ta’ Alla. Ma jistax jifhem għaliex kellu jitwieled u jgħix il-ħajja li għex. B’danakollu huwa rassenjat li “Jiena ma nafx. Jafu Mulejja” (Jien). Iħalli f’idejn Alla.
L-għeġubijiet kollha li jeżistu madwarna fil-ħolqien għandhom bidu wieħed, Alla:
“Mix-xejn qatt ma sar xejn. Alla qal kelma: swiet ta’ żerriegħa minn fejn ġie l-ħolqien: kollox minn Wieħed jagħraf nislu, kollox.”
(Mysterium Mysteriorum)
F’Lit-Tfajla ta’ Mħabbti, il-poeta għandu xewqa ta’ mħabba, għax permezz ta’ l-imħabba jista’ jegħleb id-dwejjaq u d-dulur tal-ħajja.
“Kemm drabi xtaqt li f’ġuf ommi, qabel sirt, nintemm!”
Imma jagħraf fl-istess ħin li l-ħajja mingħajr Alla hija vojta, u permezz ta’ l-imħabba ta’ bejniethom jistgħu jifhmu aħjar li l-akbar imħabba hija l-imħabba ta’ Alla:
“Kieku fil-milja ta’ mħabbitna t-tnejn nagħ’rfu l-Imħabba li ħolqitna u fdietna, nagħ’rfu li ħliefha kollox baħħ u xejn.”
(Lit-Tfajla ta’ Mħabbti)
Il-viżjoni tal-ħajja li jagħti Vassallo hija waħda ta’ ċaħda. Fih naraw spiss nuqqas ta’ fiduċja. Imma minkejja dan il-pessimiżmu kollu, insibu fih sisien reliġjużi sodi għax jaċċetta r-rieda ta’ Alla.
L-influwenza l-aktar qawwija fuq il-poeti Romantiċi Maltin kienet mir-Romantiċiżmu Taljan fi żmien ir-Risorgimento. Anki Ġorġ Zammit huwa influwenzat minnhom, imma Zammit huwa influwenzat ukoll mir-Romantiċi Ingliżi, bħal Wordsworth, Shelley, Keats u l-bqija.
Zammit huwa ispirat ħafna min-natura. Għalih, in-natura m’hijiex biss il-ħxejjex u l-annimali, imma anki l-pajsaġġ. In-natura, għalih hija lokalizzata, f’xi post partikolari li ħafna drabi huwa msemmi b’ismu (Għajn Riħana, Gelmus, Lill-Wied tal-Lunzjata, Għawdex).
In-natura hija Divina. Skond il-filosofija Griega minn żmien Platun, l-argument jimxi hekk: in-Natura hija Sabiħa; is-Sabiħ huwa Tajjeb; it-Tajjeb huwa Divin; għalhekk in-Natura hija Divina. In-natura ġejja mingħand Alla u twasslek għand Alla. Għalhekk il-bilbla jsejħilha “ja tajra tas-sema” u meta jitla’ fuq l-għolja ta’ Gelmus isib “il-ġid tal-Mulej.” Hekk ukoll, l-għanja tan-nixxiegħa ta’ Għajn Riħana hija “misruqa minn sema ikħal nir.”
L-ambjent naturali huwa ukoll il-post li jbiegħdu mill-ħażen tal-bniedem. Zammit ma jistax jifhem kif il-bniedem, bil-gwerer, iġib il-qerda:
“Imm’għaliex ma tistax qalb il-bniedem toħloq dinja ta’ ġid fost il-ġnus, fejn issaltan l-imħabba…”
(Gelmus)
Hekk kif in-nixxiegħa ta’ Għajn Riħana “tgelgel” bil-ġid u bil-ħajja, il-bniedem ixerred id-demm. Għalhekk in-natura ssir simbolu ta’ ħajja b’kuntrast mal-bniedem li jġib il-mewt:
“Illum qed isaltan il-biki, id-demm qed jixxerred gelgul: int toħlom li għada, bħall-bieraħ, jixxejjer is-sbul.”
(Għajn Riħana)
Hekk, fl-ambjent kampanjol isib l-ispiritwalità, rappreżentata mix-xitla sagħtar fuq Gelmus, li l-poeta jrid jgħożżha sa ma jmut
“għax fewħitha tnessini li fostna isaltan is-semm.”
(Gelmus)
F’Ġorġ Zammit insibu element ta’ ottimiżmu meta jħares lejn il-ħajja. Ngħidu aħna, meta jiftakar fi tfulitu, taqbdu nostalġija, imma jirrealizza li ż-żmien ma jwaqqfu ħadd, u kull żmien għandu s-sabiħ tiegħu (Lil Ritratt Tiegħi ta’ Tfuliti).
Il-ħajja twiegħdek ħaġa u tagħtik oħra; b’danakollu Ġorġ Zammit ma jaqtax qalbu
“Għax kif kont bqajt ġo qiegħ senduq Pandora, hekk, ġo qiegħ qalbi, kont bqajt int, ja Tama.”
(It-Tama)
Il-burdata tal-bniedem tista’ tkun imnikkta bħal “Arpa f’rokna mudlama”, imma meta “tmellisha iż-żiffa tat-tifkira” terġa’ lura għall-ferħ (Il-Qalb).
Għalkemm il-ħajja fiha l-mumenti qliel tagħha, Zammit huwa determinat li jirreżisti għall-ħalel tal-ħajja, l-istess bħal m’għamlet l-imħara fossilizzata fil-poeżija Lill-Imħara.
L-aħħar u mhux l-inqas, Zammit jgħidilna ukoll kemm hija importanti għalih il-poeżija, Fuq Ġwienaħ il-Għana. Meta kien nieqes mill-ispirazzjoni kien qisu qiegħed imut, imma reġa’ ħa l-ħajja meta Alla ħadu fl-ambjent ta’ natura fil-Wied tal-Lunzjata:
“mbierka tkun dik l-Id, għax bl-għaġeb ta’ sbuħitek, ġewwa qalbi nħoss l-għana bħal bir, ifur mill-ġdid.”
(Lill-Wied tal-Lunzjata, Għawdex)
Cuschieri kien professur u studjuż tal-filosofija, u fl-istess ħin kien poeta. Il-poeta u l-filosofu huma normalment żewġ persuni distinti minn xulxin għaliex il-filosofu jibbaża l-ħsibijiet u l-kitba tiegħu fuq il-loġika u l-fatti, fil-waqt li l-poeta jibbaża ħsibijietu fuq il-fantasija u l-metafora. B’danakollu, Cuschieri rnexxielu jkun kemm wieħed u kemm l-ieħor f’ħajtu.
Iż-żewġ ispirazzjonijiet ewlenin tal-poeżija tiegħu kienu l-ilsien Malti u l-Madonna.
Fil-kelma Maltija jsib il-mezz kif jesprimi ruħu, u jeħles mill-problema li għandu, li hija s-solitudni. Il-Malti kien l-ilsien popolari, jiġifieri tal-poplu, u Cuschieri ma joqgħodx jiddejjaq jiddikjara l-fiduċja kbira li kellu f’ilsien pajjiżu: “isbaħ u bħalek jien ma narax” (Ilsien Pajjiżi). L-ilsien Malti jagħtih identità, “Għalik jien Malti” (Ilsien Pajjiżi), u jagħmlu parti minn poplu “kbir u qalbieni.” Huwa ukoll mezz ta’ komunikazzjoni għalih bħala Malti. Saħansitra jasal biex jagħti dimensjoni divina lill-ilsien Malti meta jiddikjara li ngħata direttament minn Alla: “Din biss … għandi, din Alla tani” (Il-Kelma Maltija).
It-tifħir li jfaħħar bih l-ilsien Malti jinftiehem fil-kuntest tal-Kwistjoni tal-Lingwa, li kienet polemika taħraq fi żmienu. Cuschieri ma jistħix jammetti l-imħabba tiegħu lejn il-Malti:
“hemmhekk (għax nistħi ngħidu?) nitgħaxxaq dlonk bi ħsiebi”
(Il-Kelma Maltija)
Il-poeżija Marjana ta’ Cuschieri hija frott l-istat li għażel fil-ħajja, jiġifieri s-saċerdozju. It-tifħir li jfaħħar lill-Madonna jitfisser bħala s-sublimazzjoni ta’ bniedem (il-poeta) li sab fil-Madonna l-figura materna, femminili, tiegħu: “ja ommi”, “b’wiċċ il-ħelu ta’ dik ommi” (Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu).
Il-Madonna hija għajn ta’ faraġ f’żewġ mumenti importanti tal-ħajja: waqt xi kriżi u fil-ħin tal-mewt. Fiż-żewġ okkażjonijiet Cuschieri jrid lill-Madonna tkun miegħu.
“Lejk indur, minnek nistenna faraġ”
(Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu)
Anki meta n-niket ta’ ħajtu jwasslu biex ikollu xewqa ta’ mewt, jitlob lill-Madonna tkun miegħu:
“fuq is-sodda tal-mewt tiegħi ejja fis agħlaq għajnejja”
(Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu)
Il-ħlewwa li biha jesprimi l-ħsebijiet tiegħu hija kbira. Tifhem li veru jħoss dak li qed jesprimi, u hemm sinċerità fi ħsiebu.
© David Calleja April 2003
|
|||